Mur għall-kontenut ewlieni

Dikjarazzjoni ta’ Privatezza dwar il-ġestjoni tal-abbonament għan-Newsletters ta’ Europa

Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa ulterjorment id-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta�� persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Din id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tispjega għalfejn nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tingħata, u kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u x’inhuma d-drittijiet tiegħek b’rabta mad-data personali tiegħek. Hi tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni ta' proċessar “Ġestjoni ta’ abbonamenti għan-Newsletters ta’ Europa”, imwettqa mid-Direttorat Ġenerali “Komunikazzjoni” tal-Kummissjoni Ewropea, hija ppreżentata hawn taħt.

Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Il-finijiet tal-operazzjoni ta’ proċessar: il-kontrollur jiġbor u jipproċessa ulterjorment id-data personali tiegħek sabiex tkun tista’ tabbona għal Newsletter waħda jew aktar ta’ Europa relatata mal-appoġġ tekniku għas-Sit web Europa li d-Direttorat Ġenerali “Komunikazzjoni” joffri għall-qarrejja interessati:

Id-data personali tiegħek mhijiex se tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.

Fuq liema bażi(jiet) ġuridika/ċi nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Aħna nipproċessaw id-data personali tiegħek, minħabba li tajt il-kunsens tiegħek għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għall-fini li tirċievi newsletter waħda jew aktar ta’ Europa.

Liema data personali tinġabar u hi soġġetta għal ipproċessar ulterjuri?

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni ta’ proċessar, il-kontrollur jiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

  • L-indirizz tal-email tiegħek hu meħtieġ biex jiġi żgurat it-twassil tas-servizz lilek bħala abbonat.

Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

Il-kontrollur iżomm id-data personali tiegħek biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir, jiġifieri sakemm tħassar l-abbonament tiegħek mil-lista postali.

Skont is-soluzzjonijiet tekniċi disponibbli, tista’ jew tikteb lill-mailbox funzjonali ddedikata u titlob biex titneħħa mil-lista postali jew issegwi l-link biex tneħħi l-abbonament fl-email tal-informazzjoni li tkun irċevejt. Għandha tittieħed azzjoni xierqa fi żmien ġimgħa minn meta tasal it-talba.

Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data kollha f’format elettroniku tinħażen fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet ta’ proċessar kollha jitwettqu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, b’kunsiderazzjoni tar-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ proċessar.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbuta bi klawżola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni ta’ proċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, u bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Istati Membri tal-UE (ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-“GDPR”).

Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli biex iwettaq din l-attività ta’ proċessar u lil staff ieħor tal-Kummissjoni awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

Barra minn hekk, l-aċċess għad-data personali tiegħek jista’ jingħata lill-kuntratturi esterni li jaħdmu f’isem u skont ftehim kuntrattwali mas-servizz tal-Kummissjoni li jippossjedi s-siti web u li huma involuti fil-ħolqien, il-manutenzjoni, il-ġestjoni u l-arkivjar ta’ siti web skont il-prinċipju ta’ “ħtieġa ta’ tagħrif”.

L-informazzjoni li niġbru mhu se tingħata lil ebda parti terza, ħlief sal-punt u għall-iskop li nistgħu nkunu meħtieġa li nagħmlu dan bil-liġi.

X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek u li tirranġaha f’każ li d-data personali tiegħek ma tkunx eżatta jew ma tkunx kompluta. Fejn ikun applikabbli, għandek id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek, li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li toġġezzjona għall-ipproċessar u d-dritt għall-portabbiltà tad-data.

 

Inti tajt il-kunsens tiegħek li tipprovdi d-data personali tiegħek lill-kontrollur tad-data għal din l-operazzjoni ta’ proċessar. Inti tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-istqarrija ta’ privatezza speċifika se tispjega kif jista’ jiġi rtirat il-kunsens. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma int tkun irtirajt il-kunsens.

 

Inti tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tikkuntattja wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom hi mogħtija fl-Intestatura 9 hawn taħt.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ proċessar speċifika waħda jew aktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 hawn taħt).

Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data fuq europamanagementatec [dot] europa [dot] eu (europamanagement[at]ec[dot]europa[dot]eu).

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD)

Inti tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data data-protection-officeratec [dot] europa [dot] eu (data-protection-officer[at]ec[dot]europa[dot]eu) dwar kwistjonijiet marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri, tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edpsatedps [dot] europa [dot] eu (edps[at]edps[dot]europa[dot]eu)) jekk jidhirlek li drittijietek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar iddettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet ta’ proċessar kollha mill-Kummissjoni ta’ data personali, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru b’dan il-link: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni ta’ proċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-03928.